Artikolu 55 RĠPD (GDPR). Kompetenza
1. Kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex twettaq il-kompiti assenjati lilha u l-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lilha f’konformità ma’ dan ir-Regolament fit-territorju tal-Istat Membru tagħha stess.
[…]
Artikolu 66 RĠPD (GDPR). Proċedura ta' urġenza
1. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn awtorità superviżorja kkonċernata tqis li hemm ħtieġa urġenti li taġixxi sabiex tipproteġi id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, hija tista’, b’deroga mill-mekkaniżmu ta’ konsistenza msemmi fl-Artikoli 63, 64 u 65a jew il-proċedura msemmija fl-Artikolu 60, tadotta minnufih miżuri proviżorji maħsuba biex jipproduċu effetti legali fit-territorju tagħha stess b’perijodu speċifikat ta’ validità li ma għandux jaqbeż it-tliet xhur. L-awtorità superviżorja għandha, mingħajr dewmien, tikkomunika dawk il-miżuri u r-raġunijiet għall-adozzjoni tagħhom, lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra, lill-Bord u lill-Kummissjoni.
2. Fejn awtorità superviżorja tkun ħadet miżura skont il-paragrafu 1 u tqis li miżuri finali jinħtieġu jiġu adottati b’mod urġenti, hija tista’ titlob opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-Bord, billi tagħti r-raġunijiet għat-talba ta’ tali opinjoni jew deċiżjoni.
[…]