Artikolu 55 RĠPD (GDPR). Kompetenza
Artikolu 60 RĠPD (GDPR). Kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55, l-awtorità superviżorja tal-istabbiliment ewlieni jew tal-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għandha tkun kompetenti biex taġixxi bħala l-awtorità superviżorja ewlenija għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex tittratta lment imressaq lilha jew ksur possibbli ta’ dan ir-Regolament, jekk is-suġġett ikun marbut biss ma’ stabbiliment fl-Istat Membru tagħha jew jaffettwa b’mod sostanzjali suġġetti tad-data fl-Istat Membru tagħha biss.
3. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità superviżorja għandha tinforma lill-awtorità superviżorja ewlenija mingħajr dewmien dwar dik il-kwistjoni. F’perijodu ta’ tliet ġimgħat wara li tiġi infurmata l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tiddeċiedi jekk hux ser tittratta l-każ f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60, billi tieħu kont ta’ jekk hemm jew m’hemmx stabbiliment tal-kontrollur jew il-proċessur fl-Istat Membru li l-awtorità superviżorja tkun infurmatha bih.
4. Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li tittratta l-każ, għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 60. L-awtorità superviżorja li tkun infurmat lill-awtorità superviżorja ewlenija tista’ tissottometti abbozz għal deċiżjoni lill-awtorità superviżorja ewlenija. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tieħu kont bl-akbar reqqa dak l-abbozz meta tkun qed tħejji l-abbozz ta’ deċiżjoni msemmi fl-Artikolu 60(3).
(36) L-istabbiliment ewlieni ta' kontrollur fl-Unjoni għandu jkun il-post tal-amministrazzjoni ċentrali tiegħu fl-Unjoni, għajr jekk id-deċiżjonijiet dwar il-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta' data personali jittieħdu fi stabbiliment ieħor tal-kontrollur fl-Unjoni, u f'dan il-każ, l-istabbiliment l-ieħor għandu jitqies bħala l-istabbiliment ewlieni. L-istabbiliment ewlieni ta' kontrollur fl-Unjoni għandu jkun stabbilit skont kriterji oġġettivi u għandu jimplika l-eżerċizzju effettiv u reali ta' attivitajiet ta' ġestjoni li jiddeterminaw id-deċiżjonijiet ewlenin dwar il-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar permezz ta' arranġamenti stabbli. Dak il-kriterju ma għandux jiddependi minn jekk l-ipproċessar ta' data personali jitwettaqx f'dak il-post. Il-preżenza u l-użu ta' mezzi tekniċi u teknoloġiji għall-ipproċessar ta' data personali jew l-ipproċessar ta' attivitajiet, minnhom infushom, ma jikkostitwixxux stabbiliment ewlieni u għaldaqstant mhumiex kriterju determinanti għal stabbiliment ewlieni. L-istabbiliment ewlieni tal-proċessur għandu jkun il-post fejn tinsab l-amministrazzjoni ċentrali tiegħu fl-Unjoni jew, jekk ma għandux amministrazzjoni ċentrali fl-Unjoni, il-post fejn iseħħu l-attivitajiet ta' pproċessar ewlenin fl-Unjoni. F'każijiet li jinvolvu kemm il-kontrollur kif ukoll il-proċessur, l-awtorità superviżorja ewlenija kompetenti għandha tibqa' l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru fejn il-kontrollur ikollu l-istabbiliment ewlieni tiegħu iżda l-awtorità superviżorja tal-proċessur għandha titqies bħala awtorità superviżorja kkonċernata u dik l-awtorità superviżorja għandha tipparteċipa fil-proċedura ta' kooperazzjoni prevista minn dan ir-Regolament. Fi kwalunkwe każ, l-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru jew l-Istati Membri fejn il-proċessur ikollu stabbiliment wieħed jew aktar m'għandhomx jitqiesu bħala awtoritajiet superviżorji kkonċernati fejn l-abbozz ta' deċiżjoni jikkonċerna biss lill-kontrollur. Fejn l-ipproċessar jitwettaq minn grupp ta' impriżi, l-istabbiliment ewlieni tal-impriża li tikkontrolla għandu jitqies bħala l-istabbiliment ewlieni tal-grupp ta' impriżi, għajr fejn il-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar jiġu ddeterminati minn impriża oħra.
(124) Fejn l-ipproċessar ta' data personali jsir fil-kuntest tal-attivitajiet ta' stabbiliment ta' kontrollur jew proċessur fl-Unjoni u l-kontrollur jew il-proċessur ikun stabbilit f'iktar minn Stat Membru wieħed, jew fejn l-ipproċessar isir fil-kuntest tal-attivitajiet ta' stabbiliment uniku ta' kontrollur jew proċessur fl-Unjoni, u dan jaffettwa b'mod sostanzjali lil suġġetti tad-data f'aktar minn Stat Membru wieħed, jew x'aktarx li ser jaffettwawhom b'mod sostanzjali, l-awtorità superviżorja għall-istabbiliment ewlieni tal-kontrollur jew il-proċessur jew għall-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għandha taġixxi bħala awtorità ewlenija. Hija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet l-oħrajn ikkonċernati, peress li l-kontrollur jew proċessur ikollu stabbiliment fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom, peress li s-suġġetti tad-data jkunu residenti fit-territorju tagħhom ikunu affettwati b'mod sostanzjali, jew peress li jkun sar ilment lilhom. Anke fejn isuġġett tad-data li ma jkunx residenti f'dak l-Istat Membru ikun ressaq ilment, l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq dan l-ilment għandha wkoll tkun awtorità superviżorja kkonċernata. Fl-ambitu tal-kompiti tiegħu li joħroġ linji gwida dwar kwalunkwe kwistjoni li tkopri l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Bord għandu jkun jista' joħroġ linji gwida b'mod partikolari dwar il-kriterji li għandhom jitqiesu sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ipproċessar inkwistjoni jaffettwax b'mod sostanzjali lil suġġetti tad-data f'aktar minn Stat Membru wieħed u dwar x'jikkostitwixxi oġġezzjoni rilevanti u motivata.
(125) L-awtorità ewlenija għandu jkollha l-kompetenza li tadotta deċiżjonijiet vinkolanti dwar miżuri li japplikaw is-setgħat mogħtija lilha f'konformità ma' dan ir-Regolament. Fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ewlenija, l-awtorità superviżorja għandha tinvolvi l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati mill-qrib u tikkoordinahom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Fejn id-deċiżjoni tkun li l-ilment tas-suġġett tad-data jinċaħad kompletament jew parzjalment, dik id-deċiżjoni għandha tiġi adottata mill-awtorità superviżorja li magħha jkun sar l-ilment.
(EN) Article 29 Working Party, Guidelines for Identifying a Controller or Processor’s Lead Supervisory Authority (2017).