Artikolu 77 RĠPD (GDPR). Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja
1. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tiegħu, il-post tax-xogħol tiegħu jew il-post tal-ksur allegat, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta’ data personali dwaru jikser dan ir-Regolament.
2. L-awtorità superviżorja li magħha jkun sar l-ilment għandha tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-ilment inkluża l-possibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 78.
Artikolu 78 RĠPD (GDPR). Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja
1. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta’ awtorità superviżorja li tikkonċernaha.
2. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikoli 55 u 56 ma titrattax ilment jew ma tinformax lis-suġġett tad-data fi żmien tliet xhur dwar il-progress jew l-eżitu tal-ilment skont l-Artikolu 77.
3. Il-proċedimenti kontra awtorità superviżorja għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità superviżorja.
4. Fejn jitressqu proċedimenti kontra deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja li kienet preċeduta minn opinjoni jew deċiżjoni tal-Bord fil-mekkaniżmu ta’ konsistenza, l-awtorità superviżorja għandha tibgħat dik l-opinjoni jew id-deċiżjoni lill-qorti.
Artikolu 79 RĠPD (GDPR). Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur
1. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 77, kull suġġett tad-data għandu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn jikkunsidra li nkisru d-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu b’nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament.
2. Proċedimenti kontra kontrollur jew proċessur għandhom jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikollu stabbiliment. B’mod alternattiv, tali proċedimenti jistgħu jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn is-suġġett tad-data jkollu r-residenza abitwali tiegħu, sakemm il-kontrollur jew il-proċessur ma jkunx awtorità pubblika ta’ Stat Membru li taġixxi fl-eżerċizzju tas-setgħat pubbliċi tagħha.
Artikolu 82 RĠPD (GDPR). Dritt għal kumpens u responsabbiltà