Navigazzjoni
RĠPD (GDPR) > Artikolu 54. Regoli dwar l-istabbiliment tal-awtorità superviżorja
Download PDF

Artikolu 54 RĠPD (GDPR). Regoli dwar l-istabbiliment tal-awtorità superviżorja

1. Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi għal dawn kollha li ġejjin:

(a) l-istabbiliment ta’ kull awtorità superviżorja;

(b) il-kwalifiki u l-kondizzjonijiet ta’ eliġibbiltà meħtieġa biex wieħed jinħatar membru ta’ kull awtorità superviżorja;

(c) ir-regoli u l-proċeduri għall-ħatra tal-membru jew membri ta’ kull awtorità superviżorja;

(d) it-tul tal-mandat tal-membru jew il-membri ta’ kull awtorità superviżorja ta’ mhux inqas minn erba’ snin, ħlief għall-ewwel ħatra wara l-24 ta’ Mejju 2016, li parti minnu jista’ jseħħ għal perijodu iqsar fejn dak jinħtieġ għall-protezzjoni tal-indipendenza tal-awtorità superviżorja permezz ta’ proċedura ta’ ħatra mqassma;

(e) jekk u, jekk ikun il-każ, għal kemm-il mandat il-membru jew il-membri ta’ kull awtorità superviżorja hu eliġibbli għall-ħatra mill-ġdid;

(f) il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-obbligi tal-membru jew il-membri u l-persunal ta’ kull awtorità superviżorja, il-projbizzjonijiet ta’ azzjonijiet, okkupazzjonijiet u benefiċċji inkompatibbli ma’ dawn matul u wara l-mandat u r-regoli li jirregolaw it-tmiem tal-impjieg.

2. Il-membru jew il-membri u l-persunal ta’ kull awtorità superviżorja għandhom, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, ikunu soġġetti għal dmir ta’ segretezza professjonali kemm matul kif ukoll wara l-mandat tagħhom, fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li jkunu saru jafu biha matul it-twettiq tal-kompiti tagħhom jew l-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom. Matul il-mandat tagħhom, dak id-dmir ta’ segretezza professjonali għandu japplika b’mod partikolari għar-rappurtar minn persuni fiżiċi ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament.

Premessi Ħalli kumment
Premessi

(121) Il-kondizzjonijiet ġenerali għall-membru jew il-membri tal-awtorità superviżorja għandhom jiġu stabbiliti bil-liġi f'kull Stat Membru u għandhom b'mod partikolari jipprovdu sabiex dawk il-membri jinħatru, permezz ta' proċedura trasparenti, jew mill-parlament, jew mill-gvern jew mill-Kap tal-Istat tal-Istat Membru abbażi ta' proposta mill-gvern, jew minn membru tal-gvern, jew mill-parlament jew minn kamra tal-parlament, jew minn korp indipendenti inkarigat taħt il-liġi ta' Stat Membru. Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-awtorità superviżorja, il-membru jew il-membri għandhom jaġixxu b'integrità, jibqgħu lura minn kwalunkwe azzjoni li ma tkunx kompatibbli ma' dmirijiethom u matul il-mandat tagħhom, ma għandhom jinvolvu ruħhom fl-ebda xogħol li ma jkunx kompatibbli, sew jekk bi qligħ sew jekk le. L-awtorità superviżorja għandu jkollha l-persunal tagħha stess, magħżul mill-awtorità superviżorja jew korp indipendenti stabbilit bil-liġi ta' Stat Membru, li għandu jkun suġġett għat-tmexxija esklużiva tal-membru jew tal-membri tal-awtorità superviżorja.

Ħalli kumment
[js-disqus]