(135) Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament fl-Unjoni kollha, għandu jkun stabbilit mekkaniżmu ta' konsistenza għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji. Dak il-mekkaniżmu għandu japplika b'mod partikolari fejn awtorità superviżorja ikollha l-intenzjoni li tadotta miżura maħsuba biex tipproduċi effetti legali fir-rigward tal-attivitajiet ta' pproċessar li jaffettwaw sostanzjalment għadd sinifikanti ta' suġġetti tad-data f'diversi Stati Membri. Għandu japplika wkoll fejn kwalunkwe awtorità superviżorja kkonċernata jew il-Kummissjoni titlob li tali materja għandha tiġi ttrattata fil-mekkaniżmu ta' konsistenza. Dak il-mekkaniżmu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura li l-Kummissjoni tista' tieħu fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha skont it-Trattati.
(138) L-applikazzjoni ta' tali mekkaniżmu għandha tkun kondizzjoni għal-legalità ta' miżura maħsuba biex tipproduċi effetti legali minn awtorità superviżorja f'dawk il-każijiet fejn l-applikazzjoni tiegħu tkun obbligatorja. F'każijiet oħra ta' rilevanza transkonfinali, għandu jiġi applikat il-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati u bejn l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jista' jkun hemm assistenza reċiproka u attivitajiet konġunti fuq bażi bilaterali jew multilaterali mingħajr ma jiġi attivat il-mekkaniżmu ta' konsistenza.