Navigazzjoni
Download PDF

Premessa 45

(45) Fejn l-ipproċessar jitwettaq f’konformità ma’ obbligu legali li għalih ikun soġġett il-kontrollur jew fejn l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali, l-ipproċessar għandu jkollu bażi fil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

Dan ir-Regolament ma jirrikjedix liġi speċifika għal kull ipproċessar individwali.

Tista’ tkun biżżejjed liġi li sservi ta’ bażi għal diversi operazzjonijiet ta’ pproċessar ibbażata fuq obbligu legali li huwa soġġett għalih il-kontrollur jew fejn l-ipproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali.

Għandha tkun ukoll il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li tiddetermina l-fini tal-ipproċessar.

Barra minn hekk, dik il-liġi tista’ tispeċifika l-kondizzjonijiet ġenerali ta’ dan ir-Regolament li jirregola l-legalità tal-ipproċessar ta’ data personali, tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet biex jiġu ddeterminati l-kontrollur, it-tip ta’ data soġġetta għall-ipproċessar, is-suġġetti tad-data kkonċernati, l-entitajiet li lilhom tista’ tiġi żvelata d-data personali, il-limitazzjonijiet tal-fini, il-perijodu tal-ħażna u miżuri oħra li jiżguraw ipproċessar legali u ġust.

Għandha wkoll tkun il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali li tistabbilixxi jekk il-kontrollur li jwettaq il-kompitu fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali għandux ikun awtorità pubblika jew xi persuna fiżika jew ġuridika oħra regolata bil-liġi pubblika, jew, fejn ikun fl-interess pubbliku li jsir hekk, inkluż għal skopijiet ta’ saħħa bħas-saħħa pubblika u l-protezzjoni soċjali u l-ġestjoni tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, bil-liġi privata, bħal assoċjazzjoni professjonali.