Navigation
GDPR > Premessa 13
Download PDF

Premessa 13

(13) Sabiex ikun żgurat livell konsistenti ta’ protezzjoni għall-persuni fiżiċi fl-Unjoni kollha u sabiex ma jkunx hemm diverġenzi li jfixklu l-moviment liberu tad-data personali fis-suq intern, huwa meħtieġ Regolament li jipprovdi ċertezza legali u trasparenza għall-operaturi ekonomiċi, inklużi l-mikrointrapriżi, l-intrapriżi ż-żgħar u dawk ta’ daqs medju, u biex jipprovdi lill-persuni fiżiċi fl-Istati Membri kollha l-istess livell ta’ drittijiet u obbligi infurzabbli bil-liġi u responsabbiltajiet għall-kontrolluri u għall-proċessuri, sabiex ikun żgurat monitoraġġ konsistenti tal-ipproċessar tad-data personali, u sanzjonijiet ekwivalenti fl-Istati Membri kollha kif ukoll kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni tal-Istati Membri differenti.

Il-funzjonament adatt tas-suq intern jeħtieġ li l-moviment liberu tad-data personali fl-Unjoni ma jkunx ristrett jew ipprojbit għal raġunijiet marbutin mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

Biex jieħu kont tas-sitwazzjoni speċifika tal-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u dawk ta’ daqs medju, dan ir-Regolament jinkludi deroga għal organizzazzjonijiet b’inqas minn 250 impjegat fir-rigward taż-żamma ta’ reġistru.

Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, u l-Istati Membri u l-awtoritajiet superviżorji tagħhom huma mħeġġa jieħdu kont tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u dawk ta’ daqs medju fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Il-kunċett ta’ mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju għandu jiġi bbażat fuq l-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (5).

(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 rigward id-definizzjoni ta’ mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (C(2003) 1422) (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36). https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/AUTO/?uri=OJ:L:2003:124:TOC