1. Kwalunkwe persuna li tkun ġarrbet xi dannu materjali jew mhux materjali b’riżultat ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament għandu jkollha d-dritt li tirċievi kumpens mill-kontrollur jew il-proċessur għad-dannu mġarrab.
2. Kwalunkwe kontrollur involut fl-ipproċessar għandu jkunu responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament. Proċessur għandu jkun responsabbli għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar f’każ biss fejn ma jkunx ikkonforma mal-obbligi ta’ dan ir-Regolament diretti b’mod speċifiku lejn il-proċessuri jew fejn ikun aġixxa lil hinn minn jew kontra istruzzjonijiet legali tal-kontrollur.
3. Kontrollur jew proċessur għandu jkun eżentat mir-responsabbiltà taħt il-paragrafu 2 jekk jagħti prova li bl-ebda mod m’huwa responsabbli għall-avveniment li wassal għad-dannu.
4. Fejn aktar minn kontrollur jew proċessur wieħed, jew kemm kontrollur kif ukoll proċessur, ikunu involuti fl-istess proċediment u fejn, taħt il-paragrafi 2 u 3, ikunu responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat mill-ipproċessar, kull kontrollur jew proċessur għandhom jinżammu responsabbli għad-dannu kollu, sabiex jiġi żgurat kumpens effettiv għas-suġġett tad-data.
5. Fejn kontrollur jew proċessur ikun ħallas, f’konformità mal-paragrafu 4, il-kumpens sħiħ għad-dannu mġarrab, dak il-kontrollur jew il-proċessur għandu jkun intitolat li jitlob lura mill-kontrolluri jew il-proċessuri l-oħra involuti fl-istess ipproċessar dik il-parti tal-kumpens li tikkorrispondi għall-parti tagħhom tar-responsabbiltà għad-dannu, f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2.
(146) Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jikkumpensa għal kwalunkwe dannu li tista' ssofri persuna b'riżultat ta' pproċessar li jikser dan ir-Regolament. Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jiġi eżentat mir-responsabbiltà jekk iġib provi li huwa mhuwiex responsabbli bl-ebda mod għad-dannu. Il-kunċett ta' dannu għandu jiġi interpretat b'mod wiesa' fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja b'mod li jissodisfa b'mod sħiħ l-objettivi ta' dan ir-Regolament. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe talba għal kumpens għal danni li tirriżulta minn ksur ta' regoli oħra fil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru. L-ipproċessar li jikser dan ir-Regolament jinkludi wkoll l-ipproċessar li ma jkunx f'konformità mal-atti delegati u ta' implimentazzjoni adottati f'konformità ma' dan ir-Regolament u l-liġi tal-Istat Membru li jispeċifikaw ir-regoli ta' dan ir-Regolament. Is-suġġetti tad-data għandhom jirċievu kumpens sħiħ u effettiv għad-dannu li jkunu ġarrbu. Fejn il-kontrolluri jew il-proċessuri jiġu involuti fl-istess ipproċessar, kull kontrollur jew proċessur għandu jkun responsabbli għad-dannu kollu. Madankollu, fejn ikunu magħquda fl-istess proċedimenti ġudizzjarji, f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru, il-kumpens jista' jitqassam skont ir-responsabbiltà ta' kull kontrollur jew proċessur għad-dannu kkawżat mill-ipproċessar, dment li jiġi żgurat il-kumpens sħiħ u effettiv tas-suġġett tad-data li ġarrab id-dannu. Kwalunkwe kontrollur jew proċessur li jkun ħallas kumpens sħiħ sussegwentement jista' jibda proċedimenti ta' rikors kontra kontrolluri jew proċessuri oħra involuti fl-istess ipproċessar.
(147) Fejn, f'dan ir-Regolament, ikun hemm regoli speċifiċi dwar il-ġurisdizzjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' proċedimenti li jfittxu rimedju ġudizzjarju inkluż kumpens, kontra kontrollur jew proċessur, ir-regoli ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni bħal dawk tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) m'għandhomx jippreġudikaw l-applikazzjoni ta' tali regoli speċifiċi.
(13) Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p.1). https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/AUTO/?uri=OJ:L:2012:351:TOC
Information Commissioner’s Office (ICO, Great Britain), Right of Access (2020).