Navigation
GDPR > Premessa 129
Download PDF

Premessa 129

(129) Sabiex jiġu żgurati monitoraġġ u infurzar konsistenti ta’ dan ir-Regolament kullimkien fl-Unjoni, f’kull wieħed mill-Istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom l-istess kompiti u setgħat effettivi, inklużi setgħat investigattivi, setgħat korrettivi u sanzjonijiet, u setgħat ta’ awtorizzazzjoni u konsultattivi, b’mod partikolari f’każijiet ta’ ilmenti minn persuni fiżiċi, u mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni taħt il-liġi tal-Istat Membru, biex iressqu l-ksur ta’ dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament għall-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji u jidħlu fi proċedimenti legali.

Dawn is-setgħat għandhom jinkludu wkoll is-setgħa li tiġi imposta limitazzjoni temporanja jew definittiva, inkluża projbizzjoni, fuq l-ipproċessar.

L-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw kompiti oħra relatati mal-protezzjoni ta’ data personali skont dan ir-Regolament.

Is-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji għandhom jiġu eżerċitati f’konformità ma’ salvagwardji proċedurali xierqa stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u fil-liġijiet tal-Istati Membri, b’mod imparzjali, ġust u fil-mument opportun.

B’mod partikolari, kull miżura għandha tkun xierqa, meħtieġa u proporzjonata sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali, ir-rispett tad-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha ħażin u biex jiġu evitati spejjeż żejda u inkonvenjenzi eċċessivi għall-persuni kkonċernati.

Is-setgħat investigattivi rigward l-aċċess għall-bini għandhom jitħaddmu f’konformità ma’ rekwiżiti speċifiċi fil-liġi proċedurali tal-Istat Membru, bħalma huwa r-rekwiżit li tinkiseb awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel.

Kull miżura legalment vinkolanti tal-awtorità superviżorja għandha tkun bil-miktub, ċara u mhux ambigwa, għandha tindika l-awtorità superviżorja li tkun ħarġet l-miżura, id-data tal-ħruġ tal-miżura, għandha tkun iffirmata mill-kap, jew membru tal-awtorità superviżorja awtorizzata minnu jew minnha, għandha tagħti r-raġunijiet għall-miżura, u tirreferi għad-dritt għal rimedju effettiv.

Dan ma għandux jipprekludi rekwiżiti addizzjonali skont il-liġi proċedurali tal-Istat Membru.

L-adozzjoni ta’ deċiżjoni legalment vinkolanti timplika li din tista’ tagħti lok għal stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li adottat id-deċiżjoni.