Navigacija
GDPR > Artikolu 58. Setgħat
Preuzmite PDF

Artikolu 58 RĠPD (GDPR). Setgħat

1. Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha investigattivi li ġejjin:

(a) li tordna lill-kontrollur u l-proċessur, u, fejn applikabbli, lir-rappreżentant tal-kontrollur jew tal-proċessur biex jipprovdu kwalunkwe informazzjoni li tirrikjedi għat-twettiq tal-kompiti tagħha;

(b) li twettaq investigazzjonijiet fil-forma ta’ awditi tal-protezzjoni tad-data;

(c) li twettaq rieżami ta’ ċertifikazzjonijiet maħruġa skont l-Artikolu 42(7);

Vezani tekstovi

(d) li tinnotifika lill-kontrollur jew il-proċessur dwar ksur allegat ta’ dan ir-Regolament;

(e) li tikseb, mill-kontrollur u l-proċessur, aċċess għad-data personali kollha u għall-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħha;

(f) li tikseb aċċess għal kwalunkwe bini tal-kontrollur u l-proċessur, inkluż għal kwalunkwe tagħmir u mezz għall-ipproċessar tad-data, f’konformità mal-liġi proċedurali tal-Unjoni jew il-liġi proċedurali tal-Istat Membru.

2. Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha korrettivi li ġejjin:

(a) li toħroġ twissijiet lil kontrollur jew proċessur li l-operazzjonijiet ta’ pproċessar maħsuba x’aktarx jiksru dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;

(b) li ċċanfar kontrollur jew proċessur fejn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar ikunu kisru dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;

(c) li tordna lill-kontrollur jew il-proċessur jikkonforma mat-talbiet tas-suġġett tad-data li jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont dan ir-Regolament;

(d) li tordna lill-kontrollur jew il-proċessur jagħmel operazzjonijiet ta’ pproċessar konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, fejn xieraq, b’mod speċifiku u f’perijodu ta’ żmien speċifiku;

(e) li tordna lill-kontrollur jikkomunika ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data;

(f) li timponi limitazzjoni temporanja jew definittiva inkluża projbizzjoni fuq l-ipproċessar;

(g) li tordna r-rettifika jew it-tħassir ta’ data personali jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar skont l-Artikoli 16, 17 u 18 u n-notifika ta’ tali azzjonijiet lir-riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata d-data personali skont l-Artikolu 17(2) u l-Artikolu 19;

Vezani tekstovi

(h) li tirtira ċertifikazzjoni jew li tordna lill-korp taċ-ċertifikazzjoni biex jirtira ċertifikazzjoni maħruġa skont l-Artikolu 42 u 43, jew li tordna lill-korp taċ-ċertifikazzjoni biex ma joħroġx ċertifikazzjoni jekk ma jkunux jew ma jibqgħux sodisfatti r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni;

(i) li timponi multa amministrattiva skont l-Artikolu 83, flimkien ma’, jew minflok il-miżuri msemmija f’dan il-paragrafu, skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali;

(j) li tordna s-sospensjoni ta’ flussi ta’ data lejn riċevitur f’pajjiż terz jew lejn organizzazzjoni internazzjonali.

3. Kull awtorità superviżorja għandu jkollha s-setgħat kollha konsultattivi u ta’ awtorizzazzjoni li ġejjin:

(a) li tagħti parir lill-kontrollur f’konformità mal-proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 36;

(b) li tagħti, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba, opinjonijiet lill-parlament nazzjonali, il-gvern tal-Istat Membru jew, f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru, lil istituzzjonijiet u korpi oħra kif ukoll lill-pubbliku dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-protezzjoni tad-data personali;

(c) li tawtorizza l-ipproċessar imsemmi fl-Artikolu 36(5), jekk il-liġi tal-Istat Membru teħtieġ tali awtorizzazzjoni minn qabel;

Vezani tekstovi

(d) li toħroġ opinjoni u tapprova abbozzi ta’ kodiċijiet ta’ kondotta skont l-Artikolu 40(5);

Vezani tekstovi

(e) li takkredita korpi ta’ ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43;

(f) li toħroġ ċertifikazzjonijiet u tapprova kriterji ta’ ċertifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 42(5);

Vezani tekstovi

(g) li tadotta l-klawżoli standard ta’ protezzjoni tad-data msemmija fl-Artikolu 28(8) u fil-punt (d) tal-Artikolu 46(2);

Vezani tekstovi

(h) li tawtorizza l-klawżoli kuntrattwali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 46(3);

Vezani tekstovi

(i) li tawtorizza l-arranġamenti amministrattivi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 46(3);

Vezani tekstovi

(j) li tapprova regoli korporattivi vinkolanti skont l-Artikolu 47.

4. L-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lill-awtorità superviżorja skont dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji xierqa, inklużi r-rimedju ġudizzjarju effettiv u l-proċess ġust, stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet tal-Istati Membri f’konformità mal-Karta.

5. Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li l-awtorità superviżorja tiegħu għandu jkollha s-setgħa li tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji għal ksur ta’ dan ir-Regolament u, fejn xieraq, tibda jew timpenja ruħha b’mod ieħor fi proċedimenti legali, sabiex tinforza d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

6. Kull Stat Membru jista’ jipprevedi bil-liġi li l-awtorità superviżorja tiegħu għandu jkollha setgħat addizzjonali minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3. L-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat ma għandux jostakola l-operazzjoni effettiva tal-Kapitolu VII.

Uvodne izjave Smjernice i sudska praksa Ostavite komentar
Uvodne izjave

(129) Sabiex jiġu żgurati monitoraġġ u infurzar konsistenti ta' dan ir-Regolament kullimkien fl-Unjoni, f'kull wieħed mill-Istati Membri, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom l-istess kompiti u setgħat effettivi, inklużi setgħat investigattivi, setgħat korrettivi u sanzjonijiet, u setgħat ta' awtorizzazzjoni u konsultattivi, b'mod partikolari f'każijiet ta' ilmenti minn persuni fiżiċi, u mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni taħt il-liġi tal-Istat Membru, biex iressqu l-ksur ta' dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament għall-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji u jidħlu fi proċedimenti legali. Dawn is-setgħat għandhom jinkludu wkoll is-setgħa li tiġi imposta limitazzjoni temporanja jew definittiva, inkluża projbizzjoni, fuq l-ipproċessar. L-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw kompiti oħra relatati mal-protezzjoni ta' data personali skont dan ir-Regolament. Is-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji għandhom jiġu eżerċitati f'konformità ma' salvagwardji proċedurali xierqa stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni u fil-liġijiet tal-Istati Membri, b'mod imparzjali, ġust u fil-mument opportun. B'mod partikolari, kull miżura għandha tkun xierqa, meħtieġa u proporzjonata sabiex tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi ta' kull każ individwali, ir-rispett tad-dritt ta' kull persuna li tinstema' qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha ħażin u biex jiġu evitati spejjeż żejda u inkonvenjenzi eċċessivi għall-persuni kkonċernati. Is-setgħat investigattivi rigward l-aċċess għall-bini għandhom jitħaddmu f'konformità ma' rekwiżiti speċifiċi fil-liġi proċedurali tal-Istat Membru, bħalma huwa r-rekwiżit li tinkiseb awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel. Kull miżura legalment vinkolanti tal-awtorità superviżorja għandha tkun bil-miktub, ċara u mhux ambigwa, għandha tindika l-awtorità superviżorja li tkun ħarġet l-miżura, id-data tal-ħruġ tal-miżura, għandha tkun iffirmata mill-kap, jew membru tal-awtorità superviżorja awtorizzata minnu jew minnha, għandha tagħti r-raġunijiet għall-miżura, u tirreferi għad-dritt għal rimedju effettiv. Dan ma għandux jipprekludi rekwiżiti addizzjonali skont il-liġi proċedurali tal-Istat Membru. L-adozzjoni ta' deċiżjoni legalment vinkolanti timplika li din tista' tagħti lok għal stħarriġ ġudizzjarju fl-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li adottat id-deċiżjoni.

Smjernice i sudska praksa Ostavite komentar
[js-disqus]