Navigacija
GDPR > Artikolu 1. Suġġett u objettivi
Preuzmite PDF

Artikolu 1 RĠPD (GDPR). Suġġett u objettivi

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u regoli relatati mal-moviment liberu tad-data personali.

2. Dan ir-Regolament jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali.

3. Il-moviment liberu tad-data personali fl-Unjoni għandu jkun la ristrett u lanqas ipprojbit għal raġunijiet marbutin mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

Uvodne izjave Ostavite komentar
Uvodne izjave

(1) Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali hija dritt fundamentali. L-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) u l-Artikolu 16(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedu li kull persuna għandha dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha.

(2) Il-prinċipji ta', u r-regoli dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità jew ir-residenza tagħhom, għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom, b'mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali. Dan ir-Regolament huwa maħsub biex jikkontribwixxi għall-kisba ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u ta' unjoni ekonomika, għall-progress ekonomiku u soċjali, it-tisħiħ u l-konverġenza tal-ekonomiji fis-suq intern, u għall-benesseri tal-persuni fiżiċi.

(3) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tfittex li tarmonizza l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-attivitajiet ta' pproċessar u li tiżgura l-fluss liberu tad-data personali bejn l-Istati Membri.

(4) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31). https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/AUTO/?uri=OJ:L:1995:281:TOC

(4) L-ipproċessar tad-data personali għandu jitfassal biex iservi lill-bniedem. Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex dritt assolut; huwa għandu jiġi kkunsidrat b'rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jkun ibbilanċjat ma' drittijiet fundamentali oħrajn, f'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha u josserva l-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta kif integrata fit-Trattati, b'mod partikolari r-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-komunikazzjonijiet, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-intrapriża, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali u d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.

(5) L-integrazzjoni ekonomika u soċjali li rriżultat mill-funzjonament tas-suq intern wasslet għal żieda sostanzjali fi flussi transkonfinali ta' data personali. Żdied l-iskambju ta' data personali bejn atturi pubbliċi u privati, inklużi l-persuni fiżiċi, l-assoċjazzjonijiet u l-impriżi fl-Unjoni kollha. L-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri qegħdin jintalbu bil-liġi tal-Unjoni biex jikkooperaw u jiskambjaw data personali sabiex ikunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom jew iwettqu kompiti f'isem awtorità fi Stat Membru ieħor.

(6) L-iżviluppi teknoloġiċi rapidi u l-globalizzazzjoni ġabu sfidi ġodda għall-protezzjoni tad-data personali. L-iskala tal-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data personali żdiedet b'mod sinifikanti. It-teknoloġija tippermetti kemm lil kumpanniji privati kif ukoll lil awtoritajiet pubbliċi li jagħmlu użu minn data personali fuq skala mingħajr preċedenti sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom. Il-persuni fiżiċi qegħdin dejjem aktar jagħmlu l-informazzjoni personali disponibbli pubblikament u globalment. It-teknoloġija bidlet kemm l-ekonomija kif ukoll il-ħajja soċjali, u għandha tkompli tiffaċilita l-fluss liberu tad-data personali fl-Unjoni u t-trasferiment lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, filwaqt li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tad-data personali.

(7) Dawk l-iżviluppi jeħtieġu qafas b'saħħtu u aktar koerenti għall-protezzjoni tad-data fl-Unjoni, appoġġat minn infurzar qawwi, minħabba l-importanza tal-ħolqien tal-fiduċja li ser tippermetti li l-ekonomija diġitali tiżviluppa fis-suq intern kollu. Il-persuni fiżiċi għandu jkollhom il-kontroll tad-data personali tagħhom. Għandha tissaħħaħ iċ-ċertezza legali u prattika għall-persuni fiżiċi, l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet pubbliċi.

(8) Fejn dan ir-Regolament jipprevedi speċifikazzjonijiet jew restrizzjonijiet għar-regoli tiegħu mil-liġijiet tal-Istati Membri, l-Istati Membri jistgħu, sa fejn ikun meħtieġ għall-koerenza u biex id-dispożizzjonijiet nazzjonali jkunu komprensibbli għall-persuni li għalihom japplikaw, jinkorporaw elementi ta' dan ir-Regolament fil-liġi nazzjonali tagħhom.

(9) L-għanijiet u l-prinċipji tad-Direttiva 95/46/KE jibqgħu sodi, iżda din ma waqqfitx il-frammentazzjoni fl-implimentazzjoni fil-protezzjoni tad-data fl-Unjoni kollha, in-nuqqas ta' ċertezza legali jew perċezzjoni pubblika mifruxa li hemm riskji sinifikanti għall-protezzjoni tal-persuni fiżiċi, b'mod partikolari fir-rigward tal-attività online. Id-differenzi fil-livell ta' protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, b'mod partikolari id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-Istati Membri jistgħu jimpedixxu l-fluss liberu tad-data personali fl-Unjoni kollha. Dawk id-differenzi jistgħu jkunu ta' xkiel għat-twettiq ta' attivitajiet ekonomiċi fil-livell tal-Unjoni, jgħawwġu l-kompetizzjoni u jxekklu lill-awtoritajiet fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni. Tali differenza fil-livelli ta' protezzjoni hija dovuta għall-eżistenza ta' differenzi fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE.

(10) Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta' protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni, il-livell ta' protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. L-applikazzjoni konsistenti u omoġenea tar-regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali għandha tkun żgurata fl-Unjoni kollha. Fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali għall-konformità ma' obbligu legali, għat-twettiq ta' kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali biex jispeċifikaw aktar l-applikazzjoni tar-regoli ta' dan ir-Regolament. Flimkien mal-liġi ġenerali u orizzontali dwar il-protezzjoni tad-data għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE, l-Istati Membri għandhom diversi liġijiet speċifiċi għas-settur f'oqsma li jeħtieġu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi. Dan ir-Regolament jipprovdi wkoll marġni ta' manuvrar għall-Istati Membri biex jispeċifikaw ir-regoli tagħhom, inkluż għall-ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali (“data sensittiva”). Sa dak il-punt, dan ir-Regolament ma jeskludix il-liġijiet tal-Istati Membri li jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi għal sitwazzjonijiet speċifiċi ta' pproċessar, inkluż li jiġu ddeterminati b'mod aktar preċiż il-kondizzjonijiet li taħthom l-ipproċessar ta' data personali jkun legali.

(11) Il-protezzjoni effettiva tad-data personali fl-Unjoni kollha teħtieġ it-tisħiħ u l-ispeċifikar fid-dettall tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u l-obbligi ta' dawk li jipproċessaw u jiddeterminaw l-ipproċessar ta' data personali, kif ukoll ta' setgħat ekwivalenti għall-monitoraġġ u l-iżgurar tal-konformità mar-regoli għall-protezzjoni tad-data personali u sanzjonijiet ekwivalenti għall-ksur fl-Istati Membri.

(12) L-Artikolu 16(2) tat-TFUE jagħti mandat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jistabbilixxu r-regoli relatati mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali u r-regoli relatati mal-moviment liberu tad-data personali.

(13) Sabiex ikun żgurat livell konsistenti ta' protezzjoni għall-persuni fiżiċi fl-Unjoni kollha u sabiex ma jkunx hemm diverġenzi li jfixklu l-moviment liberu tad-data personali fis-suq intern, huwa meħtieġ Regolament li jipprovdi ċertezza legali u trasparenza għall-operaturi ekonomiċi, inklużi l-mikrointrapriżi, l-intrapriżi ż-żgħar u dawk ta' daqs medju, u biex jipprovdi lill-persuni fiżiċi fl-Istati Membri kollha l-istess livell ta' drittijiet u obbligi infurzabbli bil-liġi u responsabbiltajiet għall-kontrolluri u għall-proċessuri, sabiex ikun żgurat monitoraġġ konsistenti tal-ipproċessar tad-data personali, u sanzjonijiet ekwivalenti fl-Istati Membri kollha kif ukoll kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet ta' superviżjoni tal-Istati Membri differenti. Il-funzjonament adatt tas-suq intern jeħtieġ li l-moviment liberu tad-data personali fl-Unjoni ma jkunx ristrett jew ipprojbit għal raġunijiet marbutin mal-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali. Biex jieħu kont tas-sitwazzjoni speċifika tal-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u dawk ta' daqs medju, dan ir-Regolament jinkludi deroga għal organizzazzjonijiet b'inqas minn 250 impjegat fir-rigward taż-żamma ta' reġistru. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, u l-Istati Membri u l-awtoritajiet superviżorji tagħhom huma mħeġġa jieħdu kont tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u dawk ta' daqs medju fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Il-kunċett ta' mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju għandu jiġi bbażat fuq l-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (5).

(5) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 rigward id-definizzjoni ta' mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (C(2003) 1422) (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36). https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/AUTO/?uri=OJ:L:2003:124:TOC

Ostavite komentar
[js-disqus]