Navigering
GDPR > Artikolu 62. Operazzjonijiet konġunti ta' awtoritajiet superviżorji
Hämta PDF

Artikolu 62 RĠPD (GDPR). Operazzjonijiet konġunti ta' awtoritajiet superviżorji

1. L-awtoritajiet superviżorji għandhom, fejn xieraq, iwettqu operazzjonijiet konġunti inklużi investigazzjonijiet konġunti u miżuri ta’ infurzar konġunti li fihom ikunu involuti membri jew persunal tal-awtoritajiet superviżorji ta’ Stati Membri oħra.

2. Fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikollu stabbilimenti f’diversi Stati Membri jew fejn għadd sinifikanti ta’ suġġetti tad-data f’aktar minn Stat Membru wieħed x’aktarx li jkun affettwat b’mod sostanzjali minn operazzjonijiet ta’ pproċessar, awtorità superviżorja minn kull wieħed minn dawk l-Istati Membri għandu jkollha d-dritt li tipparteċipa fl-operazzjonijiet konġunti. L-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 56(1) jew (4) għandha tistieden lill-awtorità superviżorja ta’ kull wieħed minn dawk l-Istati Membri biex tipparteċipa fl-operazzjonijiet konġunti u għandha twieġeb mingħajr dewmien għat-talba ta’ awtorità superviżorja biex tipparteċipa fihom.

Relaterade texter

3. Awtorità superviżorja tista’, f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru, u bl-awtorizzazzjoni tal-awtorità superviżorja li tissekonda, tikkonferixxi setgħat, inklużi setgħat investigattivi fuq il-membri jew il-persunal involuti f’operazzjonijiet konġunti tal-awtorità superviżorja li tissekonda jew, sa fejn tippermetti l-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja ospitanti, tippermetti lill-membri jew il-persunal tal-awtorità superviżorja li tissekonda jeżerċita s-setgħat investigattivi tiegħu f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li tissekonda. Tali setgħat investigattivi jistgħu jiġu eżerċitati biss taħt il-gwida u fil-preżenza ta’ membri jew persunal tal-awtorità superviżorja ospitanti. Il-membri jew il-persunal tal-awtorità superviżorja li tissekonda għandhom ikunu soġġetti għal-liġi tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja ospitanti.

4. Fejn, f’konformità mal-paragrafu 1, il-persunal ta’ awtorità superviżorja li tissekonda jopera fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru tal-awtorità superviżorja ospitanti għandu jassumi r-responsabbiltà għall-azzjonijiet tiegħu, inkluża l-imputabbiltà, għal kwalunkwe dannu kkawżat minnhom matul l-operazzjonijiet tiegħu, f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa jopera.

5. L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ikun ġie kkawżat id-dannu għandu jagħmel tajjeb għal tali dannu bil-kondizzjonijiet applikabbli għad-dannu kkawżat mill-persunal tiegħu stess. L-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li tissekonda li l-persunal tagħha jkun ikkawża dannu lil kwalunkwe persuna fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandu jrodd lura bis-sħiħ lil dan tal-aħħar kwalunkwe somma li ħallas lill-persuni intitolati f’isimhom.

6. Mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu vis-à-vis partijiet terzi u bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 5, kull Stat Membru għandu jibqa’ lura, fil-każ previst fil-paragrafu 1, milli jitlob rimborż minn Stat Membru ieħor relattivament għal danni msemmija fil-paragrafu 4.

7. Fejn tkun maħsuba operazzjoni konġunta u awtorità superviżorja ma tikkonformax fi żmien xahar mal-obbligu stipulat fit-tieni sentenza tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet superviżorji l-oħra jistgħu jadottaw miżura proviżorja fit-territorju tal-Istat Membru li hija kompetenti għalih f’konformità mal-Artikolu 55. F’dak il-każ, il-ħtieġa ta’ azzjoni urġenti skont l-Artikolu 66(1) għandu jkun preżunt li hija sodisfatta u teħtieġ opinjoni urġenti jew deċiżjoni vinkolanti urġenti mill-Bord skont l-Artikolu 66(2).

Relaterade texter
Skälen Lämna en kommentar
Skälen

(134) Kull awtorità superviżorja għandha, fejn ikun xieraq, tipparteċipa f'attivitajiet konġunti ma' awtoritajiet superviżorji oħrajn. L-awtorità superviżorja rikjesta għandha tkun obbligata twieġeb għat-talba f'perijodu ta' żmien speċifikat.

Lämna en kommentar
[js-disqus]