Navigering
GDPR > Artikolu 52. Indipendenza
Hämta PDF

Artikolu 52 RĠPD (GDPR). Indipendenza

1. Kull awtorità superviżorja għandha taġixxi b’indipendenza sħiħa fit-twettiq tal-kompiti tagħha u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2. Il-membru jew il-membri ta’ kull awtorità superviżorja għandhom, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u l-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom f’konformità ma’ dan ir-Regolament, jibqgħu ħielsa minn influwenza esterna, sew jekk tkun diretta jew indiretta, u m’għandhomx ifittxu u jieħdu istruzzjonijiet mingħand ħadd.

3. Membru jew membri ta’ kull awtorità superviżorja għandhom iżommu lura minn kwalunkwe azzjoni inkompatibbli mad-dmirijiet tagħhom u ma għandhomx, matul il-mandat tagħhom, jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe okkupazzjoni inkompatibbli, sew jekk bi qligħ jew le.

4. Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità superviżorja tiġi pprovduta bir-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji, il-bini u l-infrastruttura meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-kompiti tagħha u l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha, inklużi dawk li għandhom jitwettqu fil-kuntest ta’ assistenza, kooperazzjoni u parteċipazzjoni reċiproki fil-Bord.

5. Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità superviżorja tagħżel u jkollha l-persunal tagħha stess li għandu jkun soġġett għad-direzzjoni esklużiva tal-membru jew il-membri tal-awtorità superviżorja konċernata.

6. Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità superviżorja tkun soġġetta għal kontroll finanzjarju li ma jaffettwax l-indipendenza tagħha u li jkollha baġits annwali separati u pubbliċi, li jistgħu jkunu parti mill-baġit globali tal-istat jew nazzjonali.

Skälen Lämna en kommentar
Skälen

(118) L-indipendenza tal-awtoritajiet superviżorji ma għandhiex tfisser li l-awtoritajiet superviżorji ma jistgħux ikunu soġġetti għal mekkaniżmi ta' kontroll jew monitoraġġ rigward l-infiq finanzjarju tagħhom jew għal kontroll ġudizzjarju.

(120) Kull awtorità superviżorja għandha tingħata r-riżorsi finanzjarji u umani, bini u infrastruttura li jkunu meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-kompiti tagħha, inklużi dawk relatati mal-assistenza reċiproka u l-kooperazzjoni ma' awtoritajiet superviżorji oħrajn fl-Unjoni kollha. Kull awtorità superviżorja għandu jkollha baġit annwali pubbliku separat, li jista' jagħmel parti mill-baġit globali tal-istat jew nazzjonali.

(121) Il-kondizzjonijiet ġenerali għall-membru jew il-membri tal-awtorità superviżorja għandhom jiġu stabbiliti bil-liġi f'kull Stat Membru u għandhom b'mod partikolari jipprovdu sabiex dawk il-membri jinħatru, permezz ta' proċedura trasparenti, jew mill-parlament, jew mill-gvern jew mill-Kap tal-Istat tal-Istat Membru abbażi ta' proposta mill-gvern, jew minn membru tal-gvern, jew mill-parlament jew minn kamra tal-parlament, jew minn korp indipendenti inkarigat taħt il-liġi ta' Stat Membru. Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-awtorità superviżorja, il-membru jew il-membri għandhom jaġixxu b'integrità, jibqgħu lura minn kwalunkwe azzjoni li ma tkunx kompatibbli ma' dmirijiethom u matul il-mandat tagħhom, ma għandhom jinvolvu ruħhom fl-ebda xogħol li ma jkunx kompatibbli, sew jekk bi qligħ sew jekk le. L-awtorità superviżorja għandu jkollha l-persunal tagħha stess, magħżul mill-awtorità superviżorja jew korp indipendenti stabbilit bil-liġi ta' Stat Membru, li għandu jkun suġġett għat-tmexxija esklużiva tal-membru jew tal-membri tal-awtorità superviżorja.

Lämna en kommentar
[js-disqus]