Navigáció
GDPR > Artikolu 53. Kondizzjonijiet ġenerali għall-membri tal-awtorità superviżorja
Letöltés PDF

Artikolu 53 RĠPD (GDPR). Kondizzjonijiet ġenerali għall-membri tal-awtorità superviżorja

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kull membru tal-awtoritajiet superviżorji tagħhom jinħatar permezz ta’ proċedura trasparenti minn:

— il-parlament tagħhom;

— il-gvern tagħhom;

— il-Kap ta’ Stat tagħhom; jew

— korp indipendenti fdat bil-ħatra taħt il-liġi tal-Istat Membru.

2. Kull membru għandu jkollu l-kwalifiki, l-esperjenza u l-ħiliet meħtieġa, b’mod partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, biex iwettaq dmirijietu u jeżerċita s-setgħat tiegħu.

3. Id-dmirijiet ta’ membru għandhom jintemmu fil-każ tal-iskadenza tal-mandat, ta’ riżenja jew ta’ rtirar obbligatorju f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.

4. Membru għandu jitkeċċa biss f’każijiet ta’ mġiba ħażina serja jew jekk il-membru ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet.

Preambulumbekezdése Szólj hozzá
Preambulumbekezdése

(121) Il-kondizzjonijiet ġenerali għall-membru jew il-membri tal-awtorità superviżorja għandhom jiġu stabbiliti bil-liġi f'kull Stat Membru u għandhom b'mod partikolari jipprovdu sabiex dawk il-membri jinħatru, permezz ta' proċedura trasparenti, jew mill-parlament, jew mill-gvern jew mill-Kap tal-Istat tal-Istat Membru abbażi ta' proposta mill-gvern, jew minn membru tal-gvern, jew mill-parlament jew minn kamra tal-parlament, jew minn korp indipendenti inkarigat taħt il-liġi ta' Stat Membru. Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-awtorità superviżorja, il-membru jew il-membri għandhom jaġixxu b'integrità, jibqgħu lura minn kwalunkwe azzjoni li ma tkunx kompatibbli ma' dmirijiethom u matul il-mandat tagħhom, ma għandhom jinvolvu ruħhom fl-ebda xogħol li ma jkunx kompatibbli, sew jekk bi qligħ sew jekk le. L-awtorità superviżorja għandu jkollha l-persunal tagħha stess, magħżul mill-awtorità superviżorja jew korp indipendenti stabbilit bil-liġi ta' Stat Membru, li għandu jkun suġġett għat-tmexxija esklużiva tal-membru jew tal-membri tal-awtorità superviżorja.

Szólj hozzá
[js-disqus]