1. Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (il-“Bord”) huwa b’dan stabbilit bħala korp tal-Unjoni u jkollu personalità ġuridika.
3. Il-Bord għandu jkun magħmul mill-kap ta‘ awtorità superviżorja ta‘ kull Stat Membru u mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, jew ir-rappreżentanti rispettivi tagħhom.
4. Fejn fi Stat Membru jkun hemm aktar minn awtorità superviżorja waħda responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet skont dan ir-Regolament, għandu jinħatar rappreżentant konġunt f’konformità mal-liġi ta‘ dak l-Istat Membru.
5. Il-Kummissjoni għandu jkollha d-dritt li tipparteċipa fl-attivitajiet u l-laqgħat tal-Bord mingħajr dritt tal-vot. Il-Kummissjoni għandha taħtar rappreżentant. Il-President tal-Bord għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-attivitajiet tal-Bord.
6. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 65, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu drittijiet tal-vot biss fuq deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-prinċipji u r-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji, u l-aġenziji tal-Unjoni li jikkorrispondu fis-sustanza ma‘ dawk ta‘ dan ir-Regolament.
(139) Sabiex jippromwovi l-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament, il-Bord għandu jkun stabbilit bħala korp indipendenti tal-Unjoni. Biex jilħaq l-objettivi tiegħu, il-Bord għandu jkollu personalità ġuridika. Il-Bord għandu jkun rappreżentat mill-President tiegħu. Għandu jieħu post il-Grupp ta' Ħidma għall-Protezzjoni ta' Individwi fl-Ipproċessar ta' Data Personali stabbilit bid-Direttiva 95/46/KE. Għandu jkun magħmul mill-kap ta' awtorità superviżorja ta' kull Stat Membru u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew ir-rappreżentanti rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tipparteċipa fl-attivitajiet tal-Bord mingħajr drittijiet ta' vot u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jkollu drittijiet ta' vot speċifiċi. Il-Bord għandu jikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti ta' dan ir-Regolament fl-Unjoni kollha, inkluż billi jagħti pariri lill-Kummissjoni, b'mod partikolari dwar il-livell ta' protezzjoni f'pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, u jippromwovi l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet superviżorji madwar l-Unjoni. Il-Bord għandu jaġixxi b'mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu.