(34) Id-data ġenetika għandha tiġi definita bħala data personali relatata mal-karatteristiċi ġenetiċi, li ntirtu jew inkisbu, ta’ persuna fiżika li jirriżultaw mill-analiżi ta’ kampjun bijoloġiku mill-persuna fiżika kkonċernata, b’mod partikolari l-analiżi kromosomika, l-analiżi tal-aċidu deossiribonuklejku (DNA) jew tal-aċidu ribonuklejku (RNA), jew mill-analiżi ta’ xi element ieħor li jippermetti li tinkiseb informazzjoni ekwivalenti.