Navigation
RGPD > Premessa 91
Télécharger le PDF

Premessa 91

(91) Dan għandu b’mod partikolari japplika għal operazzjonijiet ta’ pproċessar fuq skala kbira li huma maħsuba biex jipproċessaw ammont konsiderevoli ta’ data personali fil-livell reġjonali, nazzjonali jew supranazzjonali u li jistgħu jaffettwaw għadd kbir ta’ suġġetti tad-data u li x’aktarx jirriżultaw f’riskju għoli, pereżempju, minħabba s-sensittività tagħhom, fejn skont l-istat tal-għarfien teknoloġiku miksub tintuża teknoloġija ġdida fuq skala kbira kif ukoll għal operazzjonijiet tal-ipproċessar oħra li jirriżultaw f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari fejn dawk l-operazzjonijiet jagħmluha aktar diffiċli għas-suġġetti tad-data biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data għandha ssir ukoll fejn id-data personali tiġi pproċessata għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar persuni fiżiċi speċifiċi wara kwalunkwe evalwazzjoni sistematika u estensiva tal-aspetti personali relatati ma’ persuni fiżiċi bbażata fuq it-tfassil ta’ profili bbażati fuq dik id-data jew wara l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali, data bijometrika, jew data dwar kundanni kriminali u reati jew miżuri relatati ta’ sigurtà.

Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data hija bl-istess mod meħtieġa għall-monitoraġġ ta’ żoni aċċessibbli għall-pubbliku fuq skala kbira, speċjalment meta jintuża apparat elettroniku ottiku jew għal kwalunkwe operazzjonijiet oħra fejn l-awtorità superviżorja kompetenti tqis li x’aktarx l-ipproċessar jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari minħabba li ma jippermettux lis-suġġetti tad-data jeżerċitaw dritt jew jużaw servizz jew kuntratt, jew minħabba li jsiru b’mod sistematiku fuq skala kbira.

L-ipproċessar ta’ data personali m’għandux jitqies li huwa fuq skala kbira jekk l-ipproċessar jikkonċerna data personali minn pazjenti jew klijenti minn tabib individwali, professjonist ieħor tal-kura tas-saħħa jew avukat individwali.

F’tali każijiet, valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data m’għandhiex tkun obbligatorja.