(159) Fejn data personali tiġi pproċessata għal finijiet ta’ riċerka xjentifika, dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal dak l-ipproċessar.
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-ipproċessar tad-data personali għal finijiet ta’ riċerka xjentifika għandu jkun interpretat b’mod wiesa’ li jinkludi pereżempju l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni, ir-riċerka fundamentali, ir-riċerka applikata u r-riċerka ffinanzjata privatament u barra minn hekk għandu jieħu kont tal-objettiv tal-Unjoni skont l-Artikolu 179(1) tat-TFUE li tinkiseb Żona Ewropea tar-Riċerka.
Finijiet ta’ riċerka xjentifika għandhom jinkludu wkoll studji mwettqa fl-interess pubbliku fil-qasam tas-saħħa pubblika.
Biex jintlaħqu l-ispeċifiċitajiet tal-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet ta’ riċerka xjentifika, għandhom japplikaw kundizzjonijiet speċifiċi b’mod partikolari rigward il-pubblikazzjoni jew inkella l-iżvelar ta’ data personali fil-kuntest ta’ finijiet ta’ riċerka xjentifika.
Jekk ir-riżultat ta’ riċerka xjentifika b’mod partikolari fil-kuntest tas-saħħa jagħti raġuni għal aktar miżuri fl-interess tas-suġġett tad-data, ir-regoli ġenerali ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw fid-dawl ta’ dawk il-miżuri.