Navigatsioon
Allalaadimine

Premessa 131

(131) Fejn xi awtorità superviżorja oħra għandha taġixxi bħala awtorità superviżorja ewlenija għall-attivitajiet ta’ pproċessar tal-kontrollur jew il-proċessur iżda s-suġġett konkret ta’ lment jew il-possibbiltà ta’ ksur jikkonċerna biss l-attivitajiet ta’ pproċessar tal-kontrollur jew il-proċessur f’dak l-Istat Membru fejn ikun tressaq l-ilment jew fejn tkun ġiet identifikata l-possibbiltà ta’ ksur u l-kwistjoni ma taffettwax b’mod sostanzjali lil suġġetti tad-data fi Stati Membri oħrajn, jew mhux probabbli li taffettwahom b’mod sostanzjali, l-awtorità superviżorja li tirċievi lment jew li tidentifika jew tiġi infurmata b’xi mod ieħor b’sitwazzjonijiet li jistgħu jinvolvu ksur possibbli ta’ dan ir-Regolament għandha tfittex soluzzjoni bonarja mal-kontrollur u, jekk dan ma jirnexxix, teżerċita l-firxa sħiħa ta’ setgħat tagħha.

Dan għandu jinkludi pproċessar speċifiku li jsir fit-territorju tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja jew b’rabta mas-suġġetti tad-data fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru; jew ipproċessar li jsir fil-kuntest ta’ offerta ta’ oġġetti jew servizzi mmirati speċifikament lejn suġġetti tad-data fit-territorju tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja; jew ipproċessar li jrid jiġi vvalutat b’kont meħud tal-obbligi legali rilevanti skont il-liġi tal-Istat Membru.