Navigation
GDPR > Premessa 75
Download PDF

Premessa 75

(75) Ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, bi probabbiltà u gravità li jvarjaw, jistgħu jirriżultaw mill-ipproċessar ta’ data personali li tista’ twassal għal dannu fiżiku, materjali jew mhux materjali, b’mod partikolari fejn l-ipproċessar jista’ jagħti lok għal diskriminazzjoni, serq ta’ identità jew frodi, telf finanzjarju, dannu għar-reputazzjoni, telf ta’ kunfidenzjalità ta’ data personali protetta mis-segretezza professjonali, it-treġġigħ lura mhux awtorizzat tal-psewdonimizzazzjoni, jew kwalunkwe żvantaġġ ekonomiku jew soċjali sinifikanti ieħor; jew fejn is-suġġetti tad-data jistgħu jiġu mċaħħda mid-drittijiet u l-libertajiet tagħhom jew impediti milli jeżerċitaw kontroll fuq id-data personali tagħhom; fejn tiġi pproċessata data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali jew kundanni kriminali u reati jew miżuri ta’ sigurtà relatati; fejn l-aspetti personali jiġu evalwati, b’mod partikolari l-analiżi jew it-tbassir ta’ aspetti rigward il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi jew l-interessi personali, l-affidabbiltà jew l-imġiba, il-lokalizzazzjoni jew il-movimenti, sabiex jinħolqu jew jintużaw profili personali; fejn tiġi proċessata data personali ta’ persuni fiżiċi vulnerabbli, b’mod partikolari ta’ tfal; jew fejn l-ipproċessar jinvolvi ammont kbir ta’ data personali u jaffettwa numru kbir ta’ suġġetti tad-data.