Navigasjon
GDPR > Artikolu 60. Kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra
Last ned PDF

Artikolu 60 RĠPD (GDPR). Kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra

1. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra f’konformità ma’ dan l-Artikolu fi sforz biex jintlaħaq kunsens. L-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha bejniethom.

2. L-awtorità superviżorja ewlenija tista’ titlob fi kwalunkwe ħin lil awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra biex jipprovdu assistenza reċiproka skont l-Artikolu 61 u tista’ twettaq operazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 62, b’mod partikolari għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet jew għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ miżura li tikkonċerna kontrollur jew proċessur stabbilit fi Stat Membru ieħor.

Relaterte tekster

3. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha, mingħajr dewmien, tikkomunika l-informazzjoni rilevanti dwar il-kwistjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra. Hija għandha tissottometti mingħajr dewmien abbozz ta’ deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għall-opinjoni tagħhom u tieħu kont tal-fehmiet tagħhom.

4. Fejn kwalunkwe mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra f’perijodu ta’ żmien ta’ erba’ ġimgħat wara li tkun ġiet ikkonsultata f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tesprimi oġġezzjoni rilevanti u motivata għall-abbozz ta’ deċiżjoni, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha, jekk ma ssegwix l-oġġezzjoni rilevanti u motivata jew tkun tal-fehma li l-oġġezzjoni mhijiex rilevanti jew motivata, tissottometti l-kwistjoni lill-mekkaniżmu ta’ konsistenza msemmi fl-Artikolu 63.

5. Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija biħsiebha ssegwi l-oġġezzjoni rilevanti u motivata li saret, għandha tissottometti abbozz rivedut ta’ deċiżjoni lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għall-opinjoni tagħhom. Dak l-abbozz rivedut ta’ deċiżjoni għandu jkun soġġett għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 4 f’perijodu ta’ żmien ta’ ġimagħtejn.

6. Fejn l-ebda waħda mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra ma tkun oġġezzjonat għall-abbozz ta’ deċiżjoni sottomess mill-awtorità superviżorja ewlenija fil-perijodu msemmi fil-paragrafi 4 u 5, l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jitqiesu li qed jaqblu ma’ dak l-abbozz ta’ deċiżjoni u għandhom ikunu marbuta bih.

7. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tadotta u tinnotifika d-deċiżjoni lill-istabbiliment ewlieni jew l-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur, skont kif ikun il-każ, u tinforma l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra u lill-Bord dwar id-deċiżjoni inkwistjoni inkluż ġabra fil-qosor tal-fatti u r-raġunijiet rilevanti. L-awtorità superviżorja li quddiemha jitressaq ilment għandha tinforma lill-ilmentatur bid-deċiżjoni.

8. B’deroga mill-paragrafu 7, fejn ilment jitwarrab jew jiġi miċħud, l-awtorità superviżorja li quddiemha tressaq l-ilment għandha tadotta d-deċiżjoni u tinnotifikaha lill-ilmentatur u għandha tinforma lill-kontrollur b’din.

9. Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jaqblu li jwarrbu jew jiċħdu partijiet ta’ lment u li jieħdu azzjoni dwar partijiet oħra ta’ dak l-ilment, għandha tiġi adottata deċiżjoni separata għal kull waħda minn dawk il-partijiet tal-kwistjoni. L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tadotta d-deċiżjoni għall-parti li tikkonċerna azzjonijiet b’rabta mal-kontrollur, għandha tinnotifikaha lill-istabbiliment ewlieni jew l-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur fit-territorju tal-Istat Membru tiegħu u għandha tinforma lill-ilmentatur b’dan, waqt li l-awtorità superviżorja tal-ilmentatur għandha tadotta d-deċiżjoni għall-parti li tikkonċerna t-twarrib jew iċ-ċaħda ta’ dak l-ilment, u għandha tinnotifikaha lil dak l-ilmentatur u għandha tinforma lill-kontrollur jew il-proċessur b’dan.

10. Wara li jkun ġie notifikat bid-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija skont il-paragrafi 7 u 9, il-kontrollur jew il-proċessur għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata konformità mad-deċiżjoni fir-rigward tal-attivitajiet ta’ pproċessar fil-kuntest tal-istabbilimenti kollha tiegħu fl-Unjoni. Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jinnotifika l-miżuri meħuda għall-konformità mad-deċiżjoni lill-awtorità superviżorja ewlenija, li għandha tinforma lill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra.

11. Fejn, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, awtorità superviżorja kkonċernata jkollha raġunijiet biex tqis li hemm ħtieġa urġenti li taġixxi sabiex tipproteġi l-interessi ta’ suġġetti tad-data, għandha tapplika l-proċedura ta’ urġenza msemmija fl-Artikolu 66.

12. L-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa taħt dan l-Artikolu lil xulxin b’mezzi elettroniċi, bl-użu ta’ format standardizzat.

Fortalepunkter Retningslinjer og rettspraksis Legg igjen en kommentar
Fortalepunkter

(124) Fejn l-ipproċessar ta' data personali jsir fil-kuntest tal-attivitajiet ta' stabbiliment ta' kontrollur jew proċessur fl-Unjoni u l-kontrollur jew il-proċessur ikun stabbilit f'iktar minn Stat Membru wieħed, jew fejn l-ipproċessar isir fil-kuntest tal-attivitajiet ta' stabbiliment uniku ta' kontrollur jew proċessur fl-Unjoni, u dan jaffettwa b'mod sostanzjali lil suġġetti tad-data f'aktar minn Stat Membru wieħed, jew x'aktarx li ser jaffettwawhom b'mod sostanzjali, l-awtorità superviżorja għall-istabbiliment ewlieni tal-kontrollur jew il-proċessur jew għall-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għandha taġixxi bħala awtorità ewlenija. Hija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet l-oħrajn ikkonċernati, peress li l-kontrollur jew proċessur ikollu stabbiliment fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom, peress li s-suġġetti tad-data jkunu residenti fit-territorju tagħhom ikunu affettwati b'mod sostanzjali, jew peress li jkun sar ilment lilhom. Anke fejn isuġġett tad-data li ma jkunx residenti f'dak l-Istat Membru ikun ressaq ilment, l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq dan l-ilment għandha wkoll tkun awtorità superviżorja kkonċernata. Fl-ambitu tal-kompiti tiegħu li joħroġ linji gwida dwar kwalunkwe kwistjoni li tkopri l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Bord għandu jkun jista' joħroġ linji gwida b'mod partikolari dwar il-kriterji li għandhom jitqiesu sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ipproċessar inkwistjoni jaffettwax b'mod sostanzjali lil suġġetti tad-data f'aktar minn Stat Membru wieħed u dwar x'jikkostitwixxi oġġezzjoni rilevanti u motivata.

(125) L-awtorità ewlenija għandu jkollha l-kompetenza li tadotta deċiżjonijiet vinkolanti dwar miżuri li japplikaw is-setgħat mogħtija lilha f'konformità ma' dan ir-Regolament. Fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ewlenija, l-awtorità superviżorja għandha tinvolvi l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati mill-qrib u tikkoordinahom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Fejn id-deċiżjoni tkun li l-ilment tas-suġġett tad-data jinċaħad kompletament jew parzjalment, dik id-deċiżjoni għandha tiġi adottata mill-awtorità superviżorja li magħha jkun sar l-ilment.

(126) Id-deċiżjoni għandha tiġi maqbula b'mod konġunt mill-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati u għandha tiġi diretta lejn l-istabbiliment ewlieni jew uniku tal-kontrollur jew il-proċessur u għandha torbot lill-kontrollur u lill-proċessur. Il-kontrollur jew il-proċessur għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma' dan ir-Regolament u l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni li tiġi nnotifikata mill-awtorità superviżorja ewlenija lill-istabbiliment ewlieni tal-kontrollur jew il-proċessur fir-rigward tal-attivitajiet ta' pproċessar fl-Unjoni.

(127) Kull awtorità superviżorja li ma tkunx qed taġixxi bħala l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tkun kompetenti li tittratta każijiet lokali fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikun stabbilit f'aktar minn Stat Membru wieħed, iżda s-suġġett tal-ipproċessar speċifiku jikkonċerna biss l-ipproċessar li jsir fi Stat Membru uniku u jinvolvi biss is-suġġetti tad-data f'dak l-Istat Membru uniku, pereżempju, fejn is-suġġett jikkonċerna l-ipproċessar ta' data personali tal-impjegati fil-kuntest speċifiku tal-impjiegi ta' Stat Membru partikolari. F'tali każijiet, l-awtorità superviżorja għandha tgħarraf lill-awtorità superviżorja ewlenija mingħajr dewmien dwar il-kwistjoni. Wara li tiġi infurmata, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tiddeċiedi jekk hijiex ser tittratta l-każ skont id-dispożizzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u awtoritajiet superviżorja oħra kkonċernati (“il-mekkaniżmu ta' punt uniku ta' servizz”), jew jekk l-awtorità superviżorja li infurmatha għandhiex tittratta l-każ fil-livell lokali. Meta tkun qed tiddeċiedi jekk hijiex ser tittratta l-każ, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tqis jekk hemmx stabbiliment tal-kontrollur jew il-proċessur fl-Istat Membru tal-awtorità superviżorja li informatha sabiex tiżgura l-infurzar effettiv ta' deċiżjoni vis-à-vis il-kontrollur jew il-proċessur. Fejn l-awtorità superviżorja ewlenija tiddeċiedi li tittratta l-każ, l-awtorità superviżorja li tkun infurmatha għandu jkollha l-possibbiltà li tippreżenta abbozz għal deċiżjoni, li l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tqis bl-akbar reqqa meta tkun qed tħejji l-abbozz ta' deċiżjoni tagħha f'dak il-mekkaniżmu ta' punt uniku ta' servizz.

(128) Ir-regoli dwar l-awtorità superviżorja ewlenija u l-mekkaniżmu ta' punt uniku ta' servizz ma għandhomx japplikaw fejn l-ipproċessar isir minn awtoritajiet pubbliċi jew korpi privati fl-interess pubbliku. F'dawn il-każijiet, l-unika awtorità superviżorja li jkollha l-kompetenza biex teżerċita s-setgħat li tingħata f'konformità ma' dan ir-Regolament għandha tkun l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità pubblika jew il-korp privat.

(130) Fejn l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment ma tkunx l-awtorità superviżorja ewlenija, l-awtorità superviżorja ewlenija għandha tikkoopera mill-qrib mal-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment skont id-dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni u konsistenza, stipulati f'dan ir-Regolament. F'dawn il-każijiet, meta l-awtorità superviżorja ewlenija tieħu miżuri maħsubin biex jipproduċu effetti legali, inkluż l-impożizzjoni ta' multi amministrattivi, din għandha tikkunsidra bl-aktar mod sħiħ l-opinjoni tal-awtorità superviżorja li quddiemha jkun tressaq l-ilment u li għandha tibqa' kompetenti biex twettaq kwalunkwe investigazzjoni fit-territorju tal-Istat Membru tagħha stess f'kuntatt mal-awtorità superviżorja kompetenti.

(131) Fejn xi awtorità superviżorja oħra għandha taġixxi bħala awtorità superviżorja ewlenija għall-attivitajiet ta' pproċessar tal-kontrollur jew il-proċessur iżda s-suġġett konkret ta' lment jew il-possibbiltà ta' ksur jikkonċerna biss l-attivitajiet ta' pproċessar tal-kontrollur jew il-proċessur f'dak l-Istat Membru fejn ikun tressaq l-ilment jew fejn tkun ġiet identifikata l-possibbiltà ta' ksur u l-kwistjoni ma taffettwax b'mod sostanzjali lil suġġetti tad-data fi Stati Membri oħrajn, jew mhux probabbli li taffettwahom b'mod sostanzjali, l-awtorità superviżorja li tirċievi lment jew li tidentifika jew tiġi infurmata b'xi mod ieħor b'sitwazzjonijiet li jistgħu jinvolvu ksur possibbli ta' dan ir-Regolament għandha tfittex soluzzjoni bonarja mal-kontrollur u, jekk dan ma jirnexxix, teżerċita l-firxa sħiħa ta' setgħat tagħha. Dan għandu jinkludi pproċessar speċifiku li jsir fit-territorju tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja jew b'rabta mas-suġġetti tad-data fit-territorju ta' dak l-Istat Membru; jew ipproċessar li jsir fil-kuntest ta' offerta ta' oġġetti jew servizzi mmirati speċifikament lejn suġġetti tad-data fit-territorju tal-Istat Membru tal-awtorità superviżorja; jew ipproċessar li jrid jiġi vvalutat b'kont meħud tal-obbligi legali rilevanti skont il-liġi tal-Istat Membru.

Retningslinjer og rettspraksis Legg igjen en kommentar
[js-disqus]