(68) Sabiex isaħħu aktar il-kontroll fuq id-data tagħhom stess, fejn l-ipproċessar ta‘ data personali titwettaq b’mezzi awtomatizzati, is-suġġett tad-data għandu jitħalla wkoll jirċievi data personali li tikkonċernah, li huwa pprovda lil kontrollur, f’format strutturat, li jintuża komunement, li jista‘ jinqara b’magna u li jkun interoperabbli, u jittrażmettih lil kontrollur ieħor.
Kontrolluri tad-data għandhom jiġu inkoraġġuti jiżviluppaw formati interoperabbli li jippermettu l-portabbiltà tad-data.
Dak id-dritt għandu japplika fejn is-suġġett tad-data jkun ipprovda d-data personali abbażi tal-kunsens tiegħu jew l-ipproċessar ikun neċessarju għall-eżekuzzjoni ta‘ kuntratt.
Ma għandux japplika fejn l-ipproċessar huwa bbażat fuq raġuni legali oħra għajr il-kunsens jew kuntratt.
Min-natura proprja tiegħu dak id-dritt ma għandux jiġi eżerċitat kontra l-kontrolluri li jipproċessaw id-data personali fl-eżerċizzju tad-dmirijiet pubbliċi tagħhom.
Għalhekk m’għandux japplika fejn l-ipproċessar tad-data personali huwa meħtieġ għall-konformità ma‘ obbligu legali li għalih il-kontrollur huwa soġġett jew għat-twettiq ta‘ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta‘ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur.
Id-dritt tas-suġġett tad-data li jittrażmetti jew jirċievi data personali dwaru ma għandhux joħloq obbligu għall-kontrolluri li jadottaw jew iżommu sistemi tal-ipproċessar li huma teknikament kompatibbli.
Fejn, f’ċertu sett ta‘ data personali, ikun ikkonċernat aktar minn suġġett wieħed tad-data, id-dritt ta‘ riċezzjoni tad-data personali għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-libertajiet ta‘ suġġetti tad-data oħrajn f’konformità ma‘ dan ir-Regolament.
Barra minn hekk, dak id-dritt ma għandux jippreġudika d-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb it-tħassir ta‘ data personali u l-limitazzjonijiet ta‘ dak id-dritt kif stabbilit f’dan ir-Regolament u, b’mod partikolari, ma għandux jimplika t-tħassir ta‘ data personali li tikkonċerna s-suġġett tad-data li jkunu ġew ipprovduti minnu għall-eżekuzzjoni ta‘ kuntratt, safejn u sakemm id-data personali hija meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta‘ dak il-kuntratt.
Fejn ikun teknikament fattibbli, is-suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jkollu d-data personali trażmessa direttament minn kontrollur għal ieħor.